“Book Descriptions: Malli l-aħħar diwi tad-diskors imqanqal tal-politiku jisfuma fix-xejn; wara li l-programmi maratona jagħlqu; hekk kif l-aħħar graff togħla 'l fuq 'il fuq tieqaf u l-espert tal-finanzi jixħet l-aħħar tbissima ... xi mkien, xi ħadd, se jkun qed jagħlaq il-bieb tal-garaxx ħalli jorqod; xi ħadd se jkollu jitlaq mid-dar; xi ħadd ieħor se jibda jiġi abbużat; u se jkun hemm min se jitlef ħajtu għalxejn b'xejn.
----------
Il-persuni li jinstabu f'dawn il-paġni jgħixu ħajja ta' weġgħat żgħar u ta' kuljum, waqt li l-pajjiż jistagħna u jixxaħxaħ fl-aqwa żmien. Immanuel MIfsud jikteb fuq iż-żgħir u x-xrara ta' umanità li - forsi - għadha tenmnem lil hinn mid-dawl, l-iċċaċċrar, ix-xampanja, u l-ġid tas-soċjetà. - Claire Bonello
F'dawn in-novelli Immanuel Mifsud jgħolli mera quddiem is-soċjetà li qed ngħixu fiha. B'din is-sensiela ta' stejjer qosra jlaqqagħna ma' karattri għaddejjin fil-ħajja ta' kuljum tagħhom, uħud foqra materjalment u oħra moralment. Mifsud juża l-pinna kritika u niggieża tiegħu biex jiddeskrivi realtajiet li qed joħonqu żmienna. L-istejjer juruna li għal xi wħud forsi veru li dan hu l-aqwa żmien, iżda għal oħrajn li jħossuhom issoffokati fil-periferija, donna l-aqwa żmien ma jasal qatt. - Kurt Borg” DRIVE