“Book Descriptions: ‘Dan huwa rumanz li pajjiżna għandu bżonn.’ David Aloisio, kittieb u akkademiku, endorsja Ir-Re Borg t’Aleks Farrugia b’dan il-mod. Hija stqarrija b’saħħitha. Il-kelma ‘bżonn’ tispikka għax qed tgħidilna li dan ir-rumanz imur lil hinn mis-sempliċi gost li taqra rakkont fittizju u li, b’xi mod, jimpatta l-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Ir-Re Borg (SKS, 2022) huwa rumanz politiku u waħda mill-karatteristiċi ewlenin ta’ dan il-ġeneru hija li jindirizza temi kurrenti mil-lenti ta’ personaġġi mistħajla u b’dan il-mod iqanqlu diskors dwar in-natura tal-poter, it-tmexxija ta’ pajjiż u l-bidla soċjali. Hemm fergħat oħra f’dan il-ġeneru, bħalma huma r-rumanzi distopiċi u r-rumanzi storiċi, imma f’dan il-każ, Farrugia ppreżentana b’satira.
Is-satira soċjopolitika għandha tradizzjoni rikka fil-letteratura Maltija. Hemm pereżempju Il-Qarċilla (1760) ta’ Dun Feliċ Demarco; Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka (1930-31) ta’ Juann Mamo; Il-Manifest tal-Killer (2006) ta’ Karl Schembri; What happens in Brussels stays in Brussels (2013) ta‘ Ġużè Stagno; u bosta oħrajn. Permezz tal-umoriżmu, l-ironija, l-iperbole u xi kultant anki r-redikolu, dawn il-ġrajjiet iperrċu, sabiex jikkritikaw l-isfond politiku u kulturali ta’ meta nkitbu. Għalhekk ma jservux biss ta’ tingiża lill-qagħda kurrenti tal-pajjiż iżda huma wkoll ritratt tas-soċjetà fi żmien partikolari.” DRIVE