B’din il-ġabra ta’ stejjer qosra ġodda ta’ Żahra, tħossok qed tidħol fil-ħin tas-sjesta, meta taħt is-sħana u l-qilla ta’ xemx sajfija, il-ħajja titħeddel u torqod. Imbagħad, meta tistenbaħ wara siegħa mistrieħ, issib li x-xemx naqqset mis-sirġa tagħha … u l-ħolm kollu li ħlomt, tkun tista’ tkomplih b’għajnejk miftuħin.
Ma nafux jekk Grampanja kienx jeżisti tassew. U lanqas ma nafu l-għaliex hawn min jibża’ minn idejh u mill-iskeletru tiegħu stess. U tgħid it-tfajla tal-mantilla għad issib paċi u mistrieħ pinġuta fl-inkwatru?
U kif inhi din li Freddie Borg kien jixtri kemm kotba jara b’għajnejh biex jaqra minnhom ftit paragrafi biss?
Sjesta għandu mnejn jagħtik it-tweġibiet kollha … jew idaħħlek f’dubji akbar!” DRIVE