“Book Descriptions: Marta Marta huwa rumanz polifoniku li jindirizza simbolikament temi u preokkupazzjonijiet ewlenin mill-ħajja kontemporanja Maltija. Fost dawn insibu kwistjonijiet bħas-sesswalità, il-femminiżmu, il-kontraċezzjoni, l-abort, kif ukoll dik tal-ġeneru fil-possibbiltajiet kollha tiegħu – f’pajjiż fejn għadha prevalenti l-eġemonija Kattolika u patrijarkali – bl-intenzjoni li dawn it-temi jiġu esplorati minn angolu lokali u permezz tal-lingwa Maltija nnifisha. Għaldaqstant, ir-rumanz jipprovdi s-sisien għal diskussjoni politika u kulturali li jsaħħu d-diskors dwar dawn il-kwistjonijiet f’Malta. Filwaqt li Marta Marta huwa rakkont esperimentali, ir-rumanz jagħmel użu minn arketipi u aspetti kulturali li jixhdu l-identità Maltija – bħall-ikonografija reliġjuża – sabiex jikkuntestwalizza l-persunaġġi u t-trajjettorja tagħhom b’mod li jirnexxilu jiddiżorjenta u jissorprendi lill-qarrej minkejja l-familjarità. Marta Marta huwa, għalhekk, imkien mitoloġiku fejn jiddominaw it-teatralità, id-dekadenza u l-ħtieġa tal-inverżjoni, fejn id-drawwiet Maltin iċedu għal dissezzjoni, esplorazzjoni u trasformazzjoni. Il-pubblikazzjoni ġiet iffinanzjata mill-Fond tal-Ktieb Malti tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.” DRIVE