Paceville u Lil Hinn Minnu
(By Anton Sammut) Read EbookSize | 27 MB (27,086 KB) |
---|---|
Format | |
Downloaded | 668 times |
Last checked | 14 Hour ago! |
Author | Anton Sammut |
Mela l-ewwel ħadet ċmajra ta’ mħabba fuqi, tliet sigħat wara naraha titbeżlaq ma’ stallun twil sitt piedi u nofs, l-għada riedet terġa’ tiltaqa’ miegħi, ħadet għaliha għax kont fil-kumpanija ta’ Gwenda; u issa, milli kont qed nara, imħabbitha bdiet iddur lejn Gwenda b’mod esklussiv, għax aqta’ x’kull ħarsa bdiet tagħtiha minn taħt.'..
Kritika Letterarja tal-Professur Oliver Friggieri
L-isfida ewlenija li għandu l-kittieb letterarju fi żmienna tmiss sewwasew lill-identità tiegħu bħala narratur – minn ġurnalista sa xandar, minn novellier sa rumanzier. L-irrakkuntar, ġeneru bikri li ħareġ minn fi ħdan il-prożaturi u l-poeti klassiċi, spiċċa biex maż-żmien sar tipiku tal-bniedem f’kull imġiba differenti tiegħu, li biha jesprimi u jikkomunika, jaħseb u jbiddel lil ħsiebu f’kelma, li hi ħoss li jrodd tifsira.
Mill-għamla tal-kelma bħala ħoss titrawwem l-effettività tal-messaġġ. Għalhekk il-messaġġ u l-messaġġier, il-kontenut u l-forma, ilkoll ilhom jitqiesu bħala entità komposta waħda għall-inqas sa minn żmien il-kritiku letterarju Taljan Francesco de Sanctis (1817-1883) ’l hawn.
Il-kompromess postmodern
L-Istrutturaliżmu, bir-reqqa metodika li hu maħsub u mibni biha, issiġilla lil din il-verità – il-kontenut hu l-forma – li ssoktat turi li għall-inqas l-esperjenza umana kollha sseħħ fi ħdan sistema, struttura, realtà magħmula minn sensiela ta’ mudelli mtennija. F’dan il-kuntest awturi bħal Anton Sammut jafu li r-rakkont miktub tagħhom se jikkompeti ma’ dinja teknoloġika, li fiha hi prominenti t-teknoloġija tal-informazzjoni. Minn hawn ’il quddiem l-awtur jagħżel u jadatta l-ġeneru narrattiv, waqt li jifhem li r-rumanzier tradizzjonali ma jistax jibqa’ jinstema’ bil-qawwa li kellu qabel.
Għal Sammut din l-għażla tfisser li r-rumanz għandu jkun qasir; l-azzjoni trid tkun komuni bħalma hi normalment ’il barra mit-territorju tal-kelma miktuba; għandu jkun magħmul minn ċirkustanzi li fihom jixirfu l-bnedmin bħala rakkontaturi ta’ storja intima. Il-personaġġ prinċipali jrid jingħażel minn fost in-nies tat-triq, u jista’ (jew ma jistax) jippersonifika prinċipji ideoloġiċi. Id-diskors kollu għandu jkun politikament korrett. L-aspett l-iżjed deċiżiv huwa l-fatt li bejn il-ġudizzju tal-kritika professjonali u l-ġudizzju tal-kritika popolari kien hemm distanza mill-akbar: ir-rumanz rikonoxxut mill-kritika hu differenti ferm mir-rumanz imfittex mill-pubbliku.
Il-kompromess, l-għarfien ta’ rumanz li jevita ż-żewġ estremi, instab ukoll. Ir-rumanz il-ġdid seta’ jkun forma ta’ kompromess bejn tradizzjoni li qdiemet u modernità li kienet għadha ma ndratx. Ir-rumanz Love Story (1970) tal-awtur Amerikan Erich Segal (1937-2010) jista’ jitqies bħala eżempju, u hekk ukoll Paceville u Lil Hinn Minnu ta’ Anton Sammut.
Ir-rakkont postmodern: is-sens tal-banali
F’epoka li donnha ngħalqet mingħajr risposta finali – bil-loġika matematika tal-filosfu Awstrijak Ludwig Wittgenstein (1889-1951) fuq naħa, u bl-Eżistenzjaliżmu mweġġa’ tal-filosfu Franċiż Jean-Paul Sartre (1905-1980) u l-oħrajn fuq in-naħa l-oħra – il-Letteratura Ewropea wkoll iddakkret minn din l-għeja intellettwali, sal-punt li l-kritika kontemporanja stess titkellem dwar ‘il-Mewt tal-Filosofija’. Intqal kollox, għaliex inħaseb kollox. Għalhekk, għal Anton Sammut fadal biss id-diskussjoni tal-banalità, tal-affarijiet żgħar. Il-persunaġġi ta’ Sammut, maħsubin b’ħila li tinkludi d-deskrizzjoni diretta u fuq kollox tinqeda l-ħin kollu bil-ħjiel, bis-suġġeriment u bl-implikazzjoni, huma l-figuri ta’ ħsieb li jserrep minn post għal ieħor. Kapitlu 7 joffri l-aħjar eżempji tal-paradoss intelliġenti li jista’ jiddefinixxi lill-kitba kollha tal-awtur.
Sammut xi drabi jadotta ‘speed’ mgħaġġel, veloċità li donnha trid turi li l-lingwa stess hi parti mill-banalità, f’konfront mas-sikta attiva tad-dinja interjuri. Dan jista’ jitqies bħala wieħed mit-tipi ta’ veloċitajiet li huwa jagħżel waqt li jirrakkonta dwar xi aspett tal-motiv ċentrali tiegħu. Kull argument serju jinħass li jikkuntrasta mad-dinja ta’ superfiċjalità li tirreżisti l-ħsieb fuq l-essenzjali. Għalhekk madwar mejda f’Paceville, post li Sammut jirrendih speċi ta’ metafora ta’ kundizzjoni umana, il-qarrej-semmiegħ jistenna li jsib minn kollox.
Il-banali u l-gravi, il-kunċetti li jissemmew bħalma jissemma wkoll fl-istess ħin, pereżempju, iż-‘żarbun sabiħ’: iż-żewġ estremi jiltaqgħu fir-ruħ umana, l-aktar meta r-rakkont ikun wasal f’punt deċiżiv. L-element l-iżjed validu huwa l-bdil istantanju tal-burdata u tal-ambjent fejn isseħħ ix-xenetta: dawn huma wħud mill-fatturi li jikkostitwixxu l-istil narrattiv ta’ Sammut. Mertu ewlieni tal-awtur jinsab sewwasew fil-mod kif l-estremi li jimlew it-tematika tiegħu huma mqegħdin f’konfront biex tidher kwalità ewlenija tan-narrattiva ta’ Sammut: l-aljenazzjoni.
It-tema tal-aljenazzjoni
Hemm diversi eżempji li jindikaw l-importanza li għandha t-tema tal-aljenazzjoni, tipika ta’ evolviment sħiħ bejn il-Kristjanità tul elfejn sena sħaħ u l-Eżistenzjaliżmu reċenti ta’ kull xorta, mill-filosfu Daniż Søren Kierkegaard (1813-1855) sa Sartre. Jista’ jissemma għall-inqas mudell wieħed mill-mudelli differenti li jsawru dan l-istil, li jindika grammatikalment aspett li jmur wisq ‘lil hinn’ mill-użu tal-lingwa skont regoli fissi, loġiċi, bħalma hu l-użu konsistenti tal-istess temp f’kitba sħiħa, mill-bidu sal-aħħar. Minkejja l-eżattezza li Anton Sammut jikteb biha, xi drabi jħallat apposta lit-temp passat u lit-temp passat storiku, bħal f’dawn is-siltiet:
(a) ngħidilha ġenwinament għax kien ħaqqha verament.
(b) tgħidli kurjuża Fiona, hija u titfa’ sieq fuq oħra waqt li bdiet iżżomm...
Din l-għażla konxja hi eżempju ta’ kif l-awtur ifittex li jpinġi kundizzjoni psikoloġika bl-użu ta’ dettall lingwistiku.
Ir-rakkont tal-ħsieb bħala azzjoni
Bħala regola Sammut jirrakkonta lid-dinja li tidher (ir-realtà, id-dinja tas-sensi) fid-dawl tad-dinja tal-ideat (il-verità, id-dinja interjuri). L-ambjent għandu qabelxejn il-funzjoni li jaqbel jew jikkuntrasta mal-persuni li se jimlew lil dak l-ambjent. F’dan ix-xogħol l-awtur jikteb dwar Paceville, li joffri a priori eżempju ta’ xi mkien fit-test li minn denotazzjoni joffri minnufih konnotazzjoni. It-twessigħ tat-tifsira ta’ xi kelma matul l-iżvolġiment tal-istorja juri li n-narratur mhux biss qiegħed ifassal il-persunaġġi tiegħu, iżda qiegħed ukoll jiġġudikahom. Qiegħed iħaddem il-prinċipju antik tal-‘Poetic Justice’: l-awtur jirrakkonta t-tajjeb, u jwasslu sar-rebħa, u jirrakkonta lill-ħażen u jwasslu għat-telfa.
B’hekk Paceville, post u metafora, jinfetaħ u jfakkar f’dak il-minimu ta’ għarfien li jservi biex in-narratur u n-narratarju jibqgħu jifhmu dejjem l-istess tifsira bl-istess kelma. Din l-ambigwità ironika fir-relazzjoni tan-narratur mal-ambjent tan-narrazzjoni tiegħu tidher f’din is-silta fil-kuntrast li hemm bejn ċerti kelmiet imqegħdin ħdejn xulxin: “…Ħeqq, minn daqshekk ma tantx hu ovvju r-raġel tiegħi,” taqbeż Penny, hija u tistira ruħha b’sinsla dritta fuq is-sufan, “għax ta’ spiss narah ġej b’xi rigal ġdid, għażiża kunjata, jew jeħodni niekol f’xi restorant rinomat.”
“Dik hi l-monotonija ta’ raġel romantiku, dear Penny, minħabba li dejjem tkun taf x’qed tistenna minnu,” tirribatti fil-pront Mrs Ellis, hija u trewwaħ bi mrewħa tal-bizzilla mudell Spanjol Andalusjan. “Issa dan qed ngħidu jien, li niġi ommu, aħseb u ara mara barranija.”
L-idea msarrfa f’rakkont
F’dan l-isfond jista’ jiftiehem il-proġett narrattiv ta’ Anton Sammut, awtur matur u prudenti, imwelled u mrobbi sa mill-bidu tal-mixja letterarja tiegħu fid-dell ta’ siġra kbira li hu l-ħin kollu jfakkar li hi l-benniena ta’ kull kittieb: l-Istorja tal-Filosofija. Ir-rakkont hu minnu nnifsu orjentat favur l-astratt, l-ispekulattiv, xi idea universali li hu jixtieq jaħdimha biex joħroġ minnha xi konklużjoni. Il-fakultà li hi mħaddma l-iżjed, u fuq kollox, hija l-memorja. Kull persunaġġ jirrivela ftit minn ħajtu, anki jekk b’effett ironiku. Il-memorja hawn hi ppreżentata bħala kundizzjoni kostanti li ma tvarja qatt. F’termini grammatikali, mela, l-awtur ma jippreferixxix il-verb u l-avverbju, imma lin-nom u lill-aġġettiv. Għalih, hu liema hu t-tip ta’ narratur li hu jadotta, l-argumentazzjoni filosofika hi t-tieni natura tar-rumanzier: rakkont ilaħħam idea. Jekk hu hekk, allura l-persunaġġi tiegħu huma qabelxejn kelliema, ħassieba, intellettwali li bħallikieku għandhom rabta ambigwa mar-realtà tal-fatti komuni.
Ir-rumanz mill-fiżiku sal-metafiżiku
Ma hux l-aptit okkażjonali li jitqawwa skont is-sitwazzjoni, l-iżjed meta l-laqgħa bejn il-mara u r-raġel twassal għall-iżvilupp xieraq taż-żewġ naħat biex tinbena definizzjoni umana waħda, komposta, duwali, bħallikieku hi l-animus u l-anima mlaqqgħin flimkien, jew hi t-tħaddim tar-raġuni (bħala l-bidu) u s-sentiment (bħala l-qofol). Sammut jissuġġerixxi l-ħin kollu li kull esperjenza umana hi taħlita ta’ żewġ viżjonijiet differenti, kumplimentari, hekk, kif ħalaqhom Alla fil-Ġnien tal-Eden. Bejn l-Eden implikat bħala oġġett qadim tal-memorja (it-test tal-qiegħ), u Paceville, mifhum bħala l-post li jikkonkretizza attitudni eżistenzjali, hemm bħallikieku l-vjaġġ kollu li l-awtur implikat jimponi fuq il-persunaġġi tiegħu, ilkoll estensjoni raġunata ta’ argumenti eżistenzjali tiegħu. Il-post-modernità ta’ Sammut hi attiva sewwasew għaliex hi mibnija tajjeb fuq żewġ kompetenzi li kittieb hu mistenni bħala minimu li jkollu: id-dispożizzjoni filosofika mitwielda, u l-għarfien formali tal-Istorja tal-Filosofija.
Dan hu speċi ta’ awtoritratt, miktub u mifrux fuq għadd ta’ paġni. F’Sammut hemm dejjem fil reliġjuż għaddej minn taħt, fil-qiegħ, issuġġerit, u xi drabi mtella’ bil-qawwa sa fil-wiċċ – il-wiċċ ta’ baħar imqalleb. F’dan id-dawl l-isem tar-rumanz stess jindika dan. Paceville u Lil Hinn Minnu: it-test tal-wiċċ jirrakkonta lil ‘Paceville’ li jidher, waqt li t-test tal-qiegħ jinstab ‘lil hinn minnu’, u għalhekk ma jidhirx, jiġifieri joffri interpretazzjoni tiegħu, li ma tidhirx. Il-fiżiku u l-metafiżiku huma mlaqqgħin flimkien.
Personaġġi tal-ħsieb mitħaddet
Id-duwalità, tipika tal-Filosofija Ewropea minn Aristotli (384-322 qK) ’l hawn, hi riflessa hawn ukoll, anki bħala kundizzjoni li jsib ruħu fiha kull min, bħall-karattri ta’ Anton Sammut, hu mmexxi mill-konvinzjoni li r-realtà tesiġi li tkun interpretata bis-saħħa ta’ metodu li jittraxxendiha. L-awtur jaqbad lill-personaġġi tiegħu fil-punt tad-deċiżjoni. Dan kollu huwa suġġerit u implikat fir-rumanz, ladarba l-awtur isegwi l-prinċipju Latin antik ‘ars est celare artem’ (l-arti hi li taħbi l-arti), u allura l-arti hi l-oppost tal-ovvju, differenti mir-rappurtaġġ dirett.
Mill-bidu sal-aħħar ir-rumanz iżomm distakk xieraq minn mal-karattri, anki jekk l-awtur sikwit jinħass f’elementi partikolari, bħalma hija l-binja sintattika ta’ sentenzi li jesprimu kundizzjoni b’qawwa akbar mis-soltu. Ir-rumanz hu miktub fl-ewwel persuna, b’tonalità konfessjonali li tiswa ħafna biex mill-bidu sal-aħħar il-protagonista jingħaraf fl-identità vera tiegħu. L-aħħar paragrafu tar-rumanz jinkludi wħud mill-kliem-muftieħ tiegħu: fantasija, realtà, maġija.
Il-letteratura bħala tfakkira
Forsi l-qofol ta’ dan kollu jinġabar fl-idea li r-rumanz hu tiftixa tad-definizzjoni tal-umanità bħala formula naturali komposta mill-maskil u mill-femminil flimkien. Leali lejn il-wirt reliġjuż u letterarju ta’ tradizzjoni sħiħa li Malta ilha sekli sħaħ tieħu sehem fiha, l- awtur isieħeb flimkien numru ta’ ġeneri narrattivi: l-awtobijografija, l-ittra, id-diskors formali jew tal-okkażjoni, jew intimu jew soċjali, u l-bqija.
Is-sehem distint ta’ Anton Sammut jinstab fil-modalitajiet li bihom jirrakkonta: bejn dirett u indirett, bejn b’mistoqsija u bi tweġiba, bejn b’dubju u b’ċertezza. Il-proża tiegħu hi msawra mit-taħlita naturali tal-persunaġġ ħassieb attiv u prattiku, diskursiv f’kull okkażjoni li tixref minn waqt għal ieħor biex tipprovdilu kullimkien, u anki f’Paceville, realtà li tnessi.
Iżda l-awtur ifakkar, u jsib kull opportunità biex jobdi lil dan il-kmandament imwieled miegħu anki f’post u f’ħin ta’ divertiment. Ir-rakkont kollu jippreżenta mill-qrib l-okkażjoni-skuża li jrid l-awtur: jistaqsi, iwieġeb u mbagħad jerġa’ jistaqsi, waqt li jiżvolġi l-isbaħ aspett tad-diskors tiegħu kollu: it-tlaqqigħ tal-insinifikanti u tal-assolut flimkien, jew aħjar l-iskoperta tad-distanza bejn l-aljenazzjoni u l-konċentrazzjoni.
Bi stil mirqum u fl-istess ħin spontanju, u b’għażla ta’ burdati li jimxu b’pass wieħed mal-qagħda ġewwiena tal-protagonista, Anton Sammut qiegħed jissokta miexi fil-vjaġġ mibdi snin ilu, b’konsistenza tematika daqskemm stilistika. Il-lingwaġġ għandu parti ewlenija fil-bini ta’ fiction ta’ din is-sura. Hu lingwaġġ riflessiv aktar milli attiv, eleganti u fl-istess ħin informali, u xi drabi konxjament devjanti bl-iskop li jesprimi l-istorja ta’ rumanz magħmul mil-lingwa mitħaddta.
In this literary work, Anton Sammut talks about his characters and the physical world in the light of the world of ideas (the truth, the internal world) and the most used faculty which stands out above all else, is memory. Each character reveals a little of his life wherefore the author catches them at the exact point where they have to make a decision.
In this respect, Sammut’s post-modernism is active precisely because it is well-built on two competencies a fine writer is expected to possess: an in-born philosophical disposition and a formal knowledge of the History of Philosophy.
The most decisive aspect is the fact there is a huge chasm between professional literary criticism and the popular one. The compromise, the acknowledgement of a novel that avoids the two extremes, has also been found and this is where Sammut’s literary work excels.
Prof. Oliver Friggieri”